'MARĊ LEJN SIJON' - trailer movie bil-Malti lingwa

Video

May 3, 2015

'Il fuq minn 4,000 sena ilu, Alla deher lil Abraham fil-Mesopotamja u qallu, "Itlaq minn artek, minn għand il-familja tiegħek, u minn dar missierek, lejn l-art li jien nurik. U nagħmel minnek ġens kbir." Abraham obda lil Mulej u wasal fl-art imwiegħda ta' Kangħan fejn għex flimkien ma' ibnu Iżakk, u iben ibnu Ġakobb li l-quddiem ingħata isem ġdid ta’ "Iżrael".

Iżrael kellu 12-il tifel u marru flimkien fl-Eġittu minħabba ġuħ kbir li waqa’ fuq Kangħan, u hemmhekk tkattru f'ġens kbir. L-Eġizzjani bdew iħossuhom mhedda minn dan il-ġens ta' Iżrael li kien qed jgħix fosthom u li kien qed jitqawwa bis-sħiħ. Għalhekk tefgħuhom fi skjavitù u għamlulhom ħajjithom miżerja f'jasar mill-aktar kiefer. Wara 430 sena fl-Eġittu, Mosè ħelishom mill-jasar, qasmu l-Baħar l-Aħmar u daħlu fl-Għarabja fejn ingħataw il-liġi ta’ Alla fuq il-muntanja Sinaj.

Il-ġenerazzjoni ta' Iżraeliti li ħallew l-Eġittu flimkien ma' Mosè ma tħallewx jidħlu fl-art imwiegħda minħabba n-nuqqas ta' fidi tagħhom f'Alla. Kienu mġiegħla jibqgħu jduru fid-deżert għal 40 sena sakemm issawret ġenerazzjoni ġdida li kellha fiduċja fil-Mulej u daħlet fl-art imwiegħda flimkien ma' Ġożwè.

Għal madwar 400 sena, it-12-il tribù ta' Iżrael kienu mmexxijin mill-Imħallfin skont il-liġi ta' Mosè. Meta wrew ix-xewqa li jkollhom sultan bħall-ġnus l-oħra kollha, Alla ħatar lil Sawl sabiex ikun is-sultan tagħhom. Sawl saltan fuqhom għal 40 sena, u warajh ġew is-sultan David, li saltan għal 40 sena, u ibnu Salamun li saltan għal 40 sena oħra. Matul it-tmexxija ta' Salamun, is-saltna ta' Iżrael kienet fl-aqwa tagħha u kien f'dan iż-żmien li bnew l-ewwel tempju. Iżda fi xjuħitu, qalb Salamun ibbieset għall-Mulej, u Alla qallu li 10 mit-12-il tribù ta' Iżrael ma kienux se jkunu mmexxija minn ibnu.

Wara l-mewt ta' Salamun, is-saltna ta' Iżrael ġiet maqsuma, u l-10 tribujiet li kienu fin-naħa ta' fuq ġew maħkuma minn sensiela ta' slaten krudili li ma kienux minn nisel ta' David u Salamun. Is-Saltna ta' Fuq żammet l-isem ta' Iżrael u Samarija eventwalment saret il-belt ewlenija tagħha. Is-Saltna t'Isfel, li kienet iżgħar minn dik ta' fuq, bdiet tissejjaħ Ġuda u kellha lil Ġerusalemm bħala l-belt tagħha, u din saltnaw fuqha d-dixxendenti ta' David. Mit-Tieni Ktieb tas-Slaten 16, il-poplu tas-Saltna t'Isfel bdew jissejħu "Lhud", kelma li hija mnissla mill-isem tas-saltna ta' Ġuda.

Iżda minħabba l-ħżunija tas-Saltna ta' Fuq ta' Iżrael, dawn ġew megħluba u meħuda lsiera mill-Assirjani. L-Iżraeliti tħalltu ma' ġnus pagani li kienu ġew hemm u okkupaw l-art. 'Il quddiem dawn in-nies bdew jissejħu s-Samaritani, u l-10 tribujiet tan-Naħa ta' Fuq ta' Iżrael qatt ma jerġgħu isiru ġens.

Is-Saltna t'Isfel ta' Ġuda eventwalment waqgħet f’idejn il-Babilonja, b'kastig talli aduraw allat foloz, u t-tempju ġie meqrud. Iżda wara 70 sena, il-Lhud marru lura f'Ġuda, reġgħu bnew it-tempju f'Ġerusalemm, u komplew jgħixu taħt il-ħakma ta' slaten imnissla minn David.

Fi żmien Kristu, l-art ta' Ġuda kienet magħrufa bħala l-Ġudeja u kienet taħt ir-Rumani. Ġesù Kristu u d-dixxipli tiegħu xerrdu l-vanġelu mal-Ġudeja kollha, jfittxu n-nagħaġ li ntilfu mid-dar ta' Iżrael. Wara tlett snin u nofs ta' ministeru, il-Lhud ċaħdu lil Ġesù, il-Messija tagħhom, u kkonvinċew lill-gvernatur Ruman isalbu. 3 ijiem wara huwa qam mill-mewt u wera ruħu ħaj lid-dixxipli tiegħu qabel ma' tela' s-sema u qagħad fuq in-naħa tal-lemin tal-Missier fis-Smewwiet.

Ftit qabel ma' Ġesù ġie mislub, huwa ħabbar li b'kastig talli huma ma kienux għarfuh, Ġerusalemm kellha tinħaraq, it-tempju jiġi meqrud u l-Lhud jittieħdu lsiera f'artijiet oħra. Din il-profezija twettqet fis-sena 70 W.K. meta l-Imperatur Ruman Titus ħa f’idejh Ġerusalemm. Għal aktar minn 1800 sena, il-Lhud baqgħu imxerrda mal-artijiet kollha.

Fl-1948 ġara l-impossibbli. Twaqqaf l-Istat ta' Iżrael u l-Lhud reġgħu ħadu f'idejhom l-art imwiegħda. Bosta nsara xandru li dan kien miraklu u grazzja minn Alla. Iżda wieħed jistaqsi: tista' tqis din il-ġrajja bħala grazzja tassew minn Alla, jew ħidma ta' xi qawwiet aktar mudlama? Dan il-filmat għandu t-tweġiba.

 

 

 

mouseover